Ġigġifogu ta’ żbalji fl-aħbarijiet

Għalija dan misteru kbir, dan il-ġigġifogu ta’ żbalji li ssib ġo wiċċek, wieħed wara l-ieħor, hekk kif tidħol taqra artiklu bil-Malti. Kif tista’ tkun ġurnalist mal-istazzjon nazzjonali ta’ pajjiżek u mank tindenja ruħek terġa’ taqra dak li ktibt? Dizzjunarju jiġri xi mkien ma jkunx hemm? Apparti li l-gazzetta tkun qed twaqqa’ lilha nnifisha għaċ-ċajt bid-dilettantiżmu, huwa diżrispett kbir lejn il-qarrej li ma tiddejjaq xejn tippreżentalu Malti ta’ din ix-xorta.

Jidhirli li apparti r-riċerka sfiqa, żgur li l-użu tajjeb, anzi impekkabbli, tal-Malti huwa parti importanti mix-xogħol ta’ ġurnalist. Għax waqt li aħna qed naqraw l-aħbarijiet, suppost ikollna wkoll quddiem għajnejna xempju ta’ kitba b’ortografija, sintassi u grammatika perfetta. Xempju ta’ Malti mirqum. Ovvjament, din hija biss ħolma ’l bogħod ħafna. Sintomu wkoll tal-attitudni ta’ għala bibiżmu lejn il-lingwa tagħna. Nieħdu skandlu naraw xi kelma miktuba ħażin bl-Ingliż iżda huwa aċċettat, anzi mistenni, li tikteb b’Malti ħażin. Għax tant huwa tqil, kważi huwa dmir li tieħu żball. M’hemmx xi ngħidu, f’Malta tkun “injorant” meta tieħu żball fl-Ingliż għax bih inħobbu nimpressjonaw lil xulxin, u qajla bil-Malti.

Barra minn hekk, huwa ċar kristall li ċerti artikli huma tradotti (ħażin għaġeb) mill-Ingliż għall-Malti, tant li f’moħħok ikollok taqleb is-sentenza lura bl-Ingliż biex tifhimha. Fit-traduzzjoni huwa s-sens li għandu jiġi tradott mhux il-kliem b’mod individwali. Imma insomma, dawn l-artikli bil-Malti veru bla sens hux? Mhux kulħadd bl-Ingliż jaqrahom, anyway? L-isforz imqanżaħ jinħass u jidher.

Bid-dmugħ f’għajnejna, nagħtu ħarsa lejn żewġ artikli ppubblikati dawn l-aħħar jiem:

Il-kelb jista’ jnaqqaslek ir-riskju tal-mard

“Ħafna jgħidu li l-kelb huwa l-aqwa ħabib li wieħed jista’ jkollu. Biss il-kelb jaf ikun speċi tat-tabib tiegħek ukoll. Dan hekk kif riċerka wriet li min irabbi kelb inaqqas ir-riskju ta’ attakk tal-qalb u tal-mard fatali.

Riċerkaturi sabu li t-trobbija ta’ kelb għandha effett  fuq dawk li joqogħdu wahedhom [waħedhom], fejn ir-riskju ta’ mewt mill-mard cardiovascular [kardjovaskulari] jonqos b’36%. Fi djar li fihom jgħixu għadd ta’ nies, il-kelb għandu anqas impatt pozittiv [pożittiv]. Madankollu xorta jnaqqas il-possibiltà tal-attakk tal-qalb bi 15%.

Dan ħareġ minn riċerka li saret fost 3.4 miljun persuna fl-Iżvezja. Ir-riċerkaturi analizaw [analizzaw] ir-rekord mediku ta’ dawn in-nies biex jinvestigaw il-benefiċċji fis-saħħa li jista’ jħalli kelb. Dawk li ħadu sehem f’dan l-istudju kellhom bejn 40 u 80 sena u baqgħu jiġu osservati sa 12-il sena wara. 13% tagħhom kienu jrabbu kelb.

Mir-riċerka ħareġ li dawk li jgħixu waħedhom u għandhom kelb għandhom ħafna anqas riskju li jmutu kmieni minn dawk li jgħixu waħedhom mingħajr kelb.

F’riċerka oħra kien ħareġ li l-malikonija [melankonija] tista’ tħalli ħafna ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem. Madankollu l-kelb kapaċi jegħleb il-malikonija.

Minkejja li r-riċerka ma tispjegax kif il-kelb jagħti s-saħħa lil bniedem [lill-bniedem], ir-riċerkaturi nnotaw li biss biss il-kumpanija li joffri l-kleb [kelb] tnaqqas ħafna l-istress u timotiva [timmotiva] lill-bniedem biex jgħix ħajja aktar sana.”

Ritratt bi drone taċ-Ċittadella jirbaħ il-kompetizzjoni ta’ Wikipedia (Żewġ sentenzi biss hemm bla żbalji. Iċ-Ċittadella mank ġabuha darba tajba, u d-distinzjoni bejn mitkellem u miktub addio – “dal-aħħar” ngħiduha, iżda ma niktbuhiex. U bilħaqq, bil-Malti għandha isem ukoll: il-Wikipedija.)

“Għaxar ritratti li juru l-monumenti u siti storiċi f’Malta u Għawdex ingħażlu minn fost għexieren ta’ eluf ta’ xbiehat [xbihat] biex jikkompetu fil-kompetizzjoni internazzjonali Wiki Loves Monuments, 2017.

Xbieha bi drone taċ-Ċitadella [Ċittadella] f’Għawdex rebbħet lill-George Formosa [lil – huwa nom proprju!] l-ewwel post fil-verżjoni lokali kompetizzjoni prestiġjuża, Wiki Loves Monuments. Il-kompetizzjoni internazzjonali tħeġġeġ lill-fotografi minn madwar id-dinja biex jieħdu ritratti ta’ monumenti storiċi.

Mill-għexieren tal-eluf li issottomettew r-ritratti [li ssottomettew ir-ritratti – tista’ faċilment tgħid tressaq jew tippreżenta] tagħhom, ngħażlu [ingħażlu] għaxra minn kull pajjiż li issa jikkompetu biex minhom [minnhom] jingħażlu r-ritratti rebbieħa li jitħabbru x-xahar id-dieħel. Qal li l-paċenzja u l-kreattività huma karatteristiċi essenzjali għall-fotografija u ħeġġeġ lil dawk li jaspiraw li jsiru fotografi biex ma jaqtgħux qalbhom anki jekk r-ritratti ma’ jiġux kif jixtiequ mal-ewwel [mill-ewwel].

“Meta tkun qed tieħu ritratt, anki jekk ma jiġix sew, m’għandekx għalfejn taqta’ qalbek, u jien dak taċ-Ċitadella mort kemm il-darba [kemm-il darba], ma ħadtx wieħed, u issottomettejt [ssottomettejt] l-iktar wieħed li jogħoġobni [jogħġobni],” qal Formosa.

Neville Borg f’isem l-organizzaturi tal-kompetizzjoni, qal li s-sottomissjonijiet kienu ħames darbiet aktar mis-sena l-oħra. Huwa qal li minn 52 pajjiż, Malta tinsab fil-ħdax-il post fl-għadd ta’ ritratti li ressqet għall-kompetizzjoni. Huwa qal li l-kwalità tar-ritratti sottomessi mill-fotografi Maltin kienet deskritta bħala eċċezzjonali mill-ġurija esperta.

“Ħafna minn dawn ir-ritratti se jkunu nklużi [inklużi] fl-artiklu tal-wikipedia ta’ ċertu siti ta’ ċertu postijiet, ta’ ċertu monumenti jiġifieri jekk tidħol fl-artiklu tal-wikipedia taċ-ċitadella, tista’ tara r-ritratt li nzerta ġie l-ewwel fil-kompetizzjoni,” qal Borg. “L-għan tal-proġett hu li jkollna din ir-riżorsa li nistgħu nqassmuha ma’ [naqsmuha ma’ / inqassmuha lil] kulħadd.”

Il-Ministru tal-kultura Owen Bonnici qal li jħossu kburi jara lill-monumenti tal-gżejjer Maltin kkomunikati [ikkomunikati] lil tant għexieren ta’ eluf madwar id-dinja bi professjonalità u kreattività. Qal li t-tliet monumenti li jidhru fir-ritratti u li kklassifikaw fl-ewwel għaxar postijiet li juru ċ-Ċitadella, l-Berġa ta’ Kastilja u l-Bażilika ta’ San Duminku, kienu restawrati dal-aħħar [dan l-aħħar].

Ir-ritratti li wkoll klassifikaw mal-ewwel għaxra juru s-santwarju ta’ Pinu f’Għawdex, il-kappella ta’ Maria Maddalena ta’ Ħad Dingli [Ħad-Dingli], il-Gardjola tal-Isla, il-Knisja tal-Madonna ta’ San Loreto ta’ Għajnsielem, id-dehra tal-Belt mill-Forti Manoel, il-Batterija tal-Qolla tal-Bajda [il-Qolla l-Bajda], u l-Għolja T’Għammar f’Għawdex.”

 U dawn huma biss żewġ artikli li qbadna għal għarrieda… aħseb u ara.

2 thoughts on “Ġigġifogu ta’ żbalji fl-aħbarijiet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s