Ara ġej il-verbikolu għalik!

Il-verbi bil-Maltingliż huma fenomenu li bħalma tisma’ kullimkien, jafu jkunu utli għall-iżvilupp tal-lingwa daqs kemm jafu jwaqqgħuha għaċ-ċajt u jirvinawha. Għandna għodda lingwistika utli ħafna fil-Malti minn daqshekk. Huwa laboratorju li jħallina nagħmlu minn kull tip ta’ esperiment. Iżda wisq nibża’ li minn dan il-laboratorju, aktar qed joħorġu orruri bħall-mostru ta’ Frankenstein jew Pennywise ta’ Stephen King. Dawn il-mostri huma verbi redikoli – il-verbikoli.

Illum il-ġurnata kulħadd għandu dik il-kunfidenza xejn għaqlija li jivverbikola (stennejtha hux veru?) meta jfettillu, kemm għax jaf li min qed jisimgħu wisq probabbli ser jifhmu, kif ukoll għaliex fis-soċjetà Maltija din hija ħaġa traġikament normali u aċċettata. Ħadd mhu se jidħak bl-għażż u bin-negliġenza lingwistika tiegħek. Ħadd ma jħossu jistħi jivvinta, mela ħalli l-immaġinazzjoni tiġri bik u idħol fid-dinja surreali ta’ dawn il-verbi. Il-biki sar itini. Xbajt sal-ponta ta’ mnieħri nisma’ “ikkwexxinja”, “iċċalinġja”, “irrikwestja”, “ittowja”, “ibboderja”, “ibbejkja” u “immexerja”. Il-frekwenza ta’ dawn il-verbi tispara ‘l fuq u tisplodi ġo wiċċek hekk kif taqliblu fuq xi programm tat-tisjir, tal-moda jew tax-xagħar. Anke waqt il-programmi ta’ diskussjoni, li suppost iżjed serji u professjonali, dawn il-verbikoli tant moda jibdew ħerġin wieħed f’wieħed qishom wirdien mill-bejta. Possibbli li ħadd ma jipprepara naqra ruħu qabel jidher fuq it-televixin? Id-distinzjoni bejn kif titkellem fit-triq u kif titkellem fuq il-mezzi tax-xandir ma teżisti mkien?

Għandek verbi serji, puliti u sbejħin bil-Malti li jaqduk perfettament. Verbi li ilhom żmien twil jintużaw, li joħorġuk ta’ nies, u li meta tużahom kif suppost timpressjona ħafna aktar. Huwa veru li ħafna verbikoli joħorġu meta tkun qed titkellem (għax ma jkollokx ċans taħseb) iżda xorta huwa għażż kbir, għax il-verb sura bil-Malti tafu – qiegħed xi mkien fl-irkejjen ta’ moħħok. Għalhekk, bi pjaċir qed inwasslulek it-tentattiv tassew umli tagħna li noħolqu glossarju ta’ verbi Ingliż–Verbikolu–Malti. Glossarju li jfakkrek fil-verb bil-Malti, qabel toħloq Pennywise ieħor. Żgur mhux forsi nsejna biżibilju verbi barra, u għaldaqstant nitolbuk tgħinna fil-battalja tagħna bis-suġġerimenti tiegħek, jew billi taqsam magħna l-aħħar verbikolu tal-waħx li smajt. Nittamaw li l-glossarju jservi biex jerġa’ jfakkrek li bħala Malti, għandek id-dritt li tgħid li trid, iżda d-dmir li tgħidu sew.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s